Mhuwiex possibbli li nibqgħu nwessgħu jew intellgħu jew inħaffru t-toroq għal dejjem. Iċ-ċokon ta’ dal-pajjiż għandu jkun ta’ mudell għas-sostenibbiltà Ewropea.
Diversi nies qegħdin jagħmlu l-isforz tagħhom ma jużawx il-karozza. Imma meta dan mhuwiex ikkumplimentat b’infrastruttura xierqa u liġijiet adekwati ta’ protezzjoni, ifisser li dan ikun ta’ periklu jew ineffiċjenza għal dak li jkun, u n-numru ta’ nies li jagħmluha jibqa’ dejjem baxx.
Nista’ nieħu mir-rota li hi l-alternattiva preferita personali tiegħi, li ilni minn żgħożiti nużaha ta’ kuljum sa dalgħodu stess għax-xogħol – imma kif qegħdin isiru t-toroq, ma nista’ qatt nimmaġina ħafna oħrajn jagħmlu bħali. Lanqas fl-iktar toroq ġodda u dawk li ġejjin, kemm tfittex id-dokumenti tal-permess mill-eapps website tal-PA, tara l-pjanti u jkollok aptit tibki.
Għalkemm dejjem nibqa’ determinat f’dil-kawża li nemmen fiha, xorta waħda kultant inħossni r-rota kważi taqtagħli qalbi mill-ostakli kbar li naffaċċja, aħseb u ara kif se tħajjar lil min qatt ma pprova. Ngħoddhom fuq id waħda probabbilment in-nies li rnexxieli nikkunvinċi b’kollox. Il-biża’ qiegħda hemm, bir-raġun.
Jekk nibqgħu sejrin b’din id-direzzjoni ta’ qerda tal-ambjent għall-karozzi – u l-bini bla rażan – m’iniex lest iktar li nissetilja ġo dal-pajjiż meta jiġi ż-żmien li ma nibqax ġod-dar t’ommi u missieri, u speċjalment jekk ikolli familja tiegħi. Ma rridx li jkolli wliedi jikbru f’ambjent daqshekk ostili.